Statwi fil-Pjazez u Toroq ta’ Bormla – Il-5 Parti – Monument Tal-Pellegrinaġġ 1944

Kitba ta’ Sunny Aquilina

Is-sena, 2004, kienet waħda speċjali għall-Parroċċa ta’ Bormla billi ċċelebrajna għeluq il-150 Sena mid-Domma ta’ l-Immakulata, meta nhar it-8 ta’ Diċembru, 1854, il-Q.T. il-Papa Beatu Piju IX pproklama li Marija sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha kienet bla ebda ħtija; Immakulata!  Għalhekk bix-xieraq li f’din is-serje ta’ artikli nitkellmu fuq statwi u niċeċ tal-Madonna li għandna jew kellna ġewwa l-‘Belt Cospicua’, magħrufa wkoll bħala ‘Belt l-Immakulata’.  Billi l-akbar għadd ta’ statwi u niċeċ f’Bormla huma dedikati lill-Madonna se nsemmu wħud minnhom din is-sena u nkomplu s-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, billi tkun ukoll is Sena taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni tas-Santwarju Cospicuan ta’ Marija Immakulata, Omm Beltna!

L-istoriku Tony Terribile jikteb li:
‘Il-knisja kolleġġjata, waħda mill-isbaħ f’dawn il-gżejjer, hi l-aqwa monument ta’ mħabba li l-Bormliżi għandhom lejn Marija Immakulata.  Din il-qima hi mifruxa wkoll fit-toroq ta’ Bormla permezz ta’ numru ta’ niċeċ u statwi li nsibu f’ġieħ il-Madonna.  Kienet tabilħaqq ħasra li l-gwerra kissret (1) u ħarbtet bosta minnhom.  L-istess nistgħu ngħidu għal dawk li ntilfu, mhux bil-bombi ta’ l-għadu iżda waqt ix-xogħol tat-tiswija tal-ħsarat tal-gwerra.  Fost dawn it-telfiet kien hemm l-istatwa tal-Kunċizzjoni qrib il-Bieb ta’ Santa Liena.’i

Statwa Tal-Kunċizzjoni Li
Kienet Fi Pjazza Paolino Vassallo (Is-Suq)

F’dan l-artiklu se nibdew billi nsemmu statwa tal-Kunċizzjoni f’niċċa eleganti u sabiħa, l-istess kif kienet id-dar li kienet tagħmel parti minnha.  In-niċċa kellha lavur mill-isbaħ fil-ġebla Maltija li kien iżejjen kantuniera sħiħa bejn Sqaq il-Kunċizzjoni u s-Suq il-Qadim, Pjazza Paolino Vassallo (fejn llum insibu l-ħanut ta’ Caruana). 

Naturalment il-pjazza ma kenitx kif inhi l-lum, imma ħafna iżgħar.  John Vella kiteb li l-istoriku Castagna jgħarrafna li din in-niċċa bl-istatwa hekk sabiħa saret fl-1756 imma Michele Grech Taylor kiteb hekk: ‘Il-Madonna tal-Kunċizzjoni li qiegħda mal-ħajt fil-kantuniera ta’ Vicolo Concezione, is-Suq il-Qadim, saret fl-1790’.  Kienet statwa f’niċċa b’karatteristika Maltija li kienet issebbaħ il-Pjazza b’mod eleganti li ma tantx kien hawn bħalha.  Hija ħasra li din intilfet u sa snin wara l-gwerra l-Bormliżi kienu għadhom jiktbu biex terġa’ ssib postha, imma kien kollu għalxejn. (2)

Niċċa Tal-Kwadru
Ta’ L-Immakulata Mal-Knisja Ta’ Santa Tereża

Niċċa tassew sabiħa u eleganti nsibuha mal-ħajt tal-ġenb tal-knisja ta’ Santa Tereża.  Niċċa tal-kunċizzjoni maġenb Santa TereżaQabel din kien hemm oħra li kienet ta’ l-injam.  Dik li hemm issa hija tal-ġebel u għandha disinn u xogħol fil-ġebla Maltija tassew mirqumin, b’mensola, żewġ pilastri bil-mazzettuni b’ornamenti ta’ ward li jispiċċaw bil-ġilju, u fuqhom friż b’disinji eleganti. Fuq nett is-salib u taħtu l-kuruna b’tifkira ta’ l-Inkurunazzjoni.  Il-kuruna, f’post prominenti, tfakkar li dan is-Santwarju ġie nkurunat mill-Kardinal Ferrata, Legat tal-Q.T. l-Papa San Piju X, nhar il-25 ta’ Ġunju,1905, billi fin-niċċa nsibu kopja tal-kwadru nkurunat li hemm fis-Santwarju Cospicuan.  Fuq il-kwadru hemm skolpita ‘Nome di Maria’ u taħt il-mensola skrizzjoni bit-Taljan li ssemmi l-indulgenzi mogħtija mill-Arċisqof Pietro Pace Forno għal min jitlob quddiem din ix-xbieha.  L-iskrizzjoni ma tinqarax sewwa.  Jeħtieġ titnaddaf ħalli tkun tista’ tinqara. Fis-sena 1903, il-Papa kien ħeġġeġ biex issir tħejjija għall-  għeluq il-50 Sena mid-Domma ta’ l-Immakulata.  L-istoriku Tony Terribile jikteb li d-disinn ta’ din in-niċċa jixbaħ ħafna l-istil ta’ l-artist Bormliż Abram Gatt u jista’ jkun li din in-niċċa saret fuq disinn tiegħu. (3)  Din hija waħda mill-isbaħ niċeċ li għandna u għalhekk nieħdu ħsiebha.  Hija fi triq u f’post prominenti imma għandna ngħożżu kull statwa u kull niċċa li għandna jżejnu lil beltna.

 Niċċa Tal-Kunċizzjoni Fi Triq San Pawl

Niċċa tal-Kunċizzjoni fi Triq San Pawl.Niċċa ftit iżgħar fi stil Barokk, b’lavur sabiħ u statwa mdaqqsa tal-Kunċizzjoni nsibuha fi Triq San Pawl fuq il-postijiet numru 135-136.  Il-lum fil-post 135 hemm is-Sorijiet Missjunarji ta’ Madre Tereża. Din in-niċċa tal-Kunċizzjoni saret fis-Seklu Dsatax u ħallas għaliha Mastru Filippo Tabone, magħruf bħala ‘Lippin’.  Hija statwa ħelwa tal-ġebel, bil-wiċċ u l-idejn f’bixra ta’ talb, is-serp bit-tuffieħa taħt riġlejha, warajhom il-qamar u stillarju ta’ tnax-il kewkba madwar rasha.  Hija miżbugħa, b’libsa bajda u mantell ikħal li huwa skolpit naturali qisu qiegħed jittajjar mar-riħ!  In-niċċa għandha żewġ pilastri ornati bil-mazzettuni, fuqhom friż bi tliet wardiet, fuq iċ-ċinta n-‘Nome di Maria’ b’ġilju fuq kull naħa u fuq nett id-disinn jispiċċa bis-salib.  In–naħa t’isfel hemm ukoll skultura bi stilla fin-nofs u taħt nett lapida bit-Taljan li tgħid:  ‘L-Eċċ. Rev. Tiegħu Mons. F. Gaetano Pace Forno, b’digriet tad-29 ta’ Sett. 1859 jagħti 40 jum ta’ indulġenzi lil min jgħid Salve Regina f’ġieħ din ix-xbieha ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Marija Verġni.’  Din hija niċċa li wkoll irnexxielha teħlisha mit-tiġrif tal-gwerra u hija miżmuma tajjeb ħafna, prosit.

Niċċa Ta’ Santa Marija Fi Triq Bieb Bormla 

Niċċa Santa Marija - Triq Bieb BormlaNiċċa oħra li hemm ukoll min jieħu ħsiebha hija dik ta’ Santa Marija, jew Marija Assunta qrib fejn dari kien hemm ‘Bieb Bormla’, (Bormla Gate). Hawn kien jagħti għal Għajn Dwieli u wara li nbniet it-tarzna, sar bieb biex tidħol għaliha.  F’din in-niċċa ma nsibux statwa imma kwadru li fih pittura ta’ Santa Marija liebsa l-abjad, simbolu tas-safa u xi anġli żgħar magħha.  Il-Madonna tidher tiela’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem. L-assunzjoni hija domma oħra Marjana tal-fidi pproklamata mill-Q.T. il-Papa Piju XII. Taħt il-kwadru hemm settijiet ta’ gandlieri, appostli u fjuretti flimkien ma’ żewġ lampieri żgħar mal-ġnub.  Fil-parti t’isfel hemm ukoll in-‘Nome di Maria’.  Qabel ma twaqqgħu partijiet mis-swar fil-bidu tas-seklu għoxrin biex inbnew il-baċiri, f’din in-naħa ta’ Bormla, fid-Daħla tal-Franċiżi, kien hemm ħajja marittima sħiħa.  Kien hemm ukoll Bieb San Pawl, skolpit, eleganti u sabiħ bħall-bibien l-oħra li nsibu fis-swar ta’ Firenzuola u tal-Kottonera.  In-naħa ta’ Għajn Dwieli kien hemm ukoll knisja dedikata lil San Franġisk li l-qniepen tagħha ntużaw għall-arloġġ tal-knisja parrokkjali.  Sal-lum b’tifkira ta’ dan kollu għandna ‘Triq San Franġisk’ u għad hemm bieb jagħti għat-Tarzna aħna u deħlin l-Isla, f’tarf Triq Pietru Pawl Caruana, (Imsemmija għall-pittur li pitter il-kwadru tal-kor).

Il-Madonna Bil-Bambin Fil-Mina Ta’ Għajn Dwieli

Taħt il-Mina ta’ Għajn Dwieli, hemm daħla żgħira mħaffra fil-blat li fiha altar mejda b’erba’ kolonni u f’nofshom ‘Nome di Maria’ bis-serp u l-qamar taħtha.  Fuq l-altar, fin-nofs, hemm kwadru tal-Madonna bil-Bambin.  Mal-ġnub ta’ dan il-kwadru nsibu żewġ statwi, waħda tal-Madonna ta’ Lourdes u l-oħra tal-Qalb ta’ Ġesu’.  Fuq l-altar u mal-ħitan hemm għadd ta’ kwadri żgħar, fosthom wieħed ta’ Ġesu’ Kristu, ieħor tat-twelid ta’ Ġesu’ Bambin u ta’ Patri Piju.  Din id-daħla serviet ta’ knisja fil-qilla tal-gwerra billi fiha saru quddies u anke magħmudijiet.  Il-ħabib tiegħi s-Surmast Carmelo Vella qalli li jiftakar lil Dun Edward Zerafa jqaddes fiha.  Saċerdot ieħor li baqa’ Bormla matul il-gwerra kien il-Kan. Dun Ġużepp Cassar.  Qassis ieħor, li kien Kappillan tal-Gudja u wara Arċipriet taż-|urrieq, il-Kan. Vincent Balzan, tgħammed fiha fi żmien il-gwerra.  Hekk naraw li din id-daħla fqajra mħaffra fil-blat għandha storja reliġjuża u storika!  Tista’ tiġi rranġata, għalkemm hemm min jieħu ħsiebha billi jkun hemm xemgħat jixegħlu. Dil-kmajra, bħal kappella mħaffra fil-blat, hija magħluqa b’bieb tal-ħġieġ u rixtellu.  Tista’ titwaħħal lapida li tfakkar li serviet ta’ knisja fi żmien il-gwerra.  Tajjeb ukoll kieku jkun hemm xi dawl għax ma tistax tara sewwa x’fiha.

Il-Monument Tal-Pellegrinaġġ Tad-19 Ta’ Novembru,
1944 U L-Vittmi Tal-Gwerra Bormliżi

U la semmejna l-gwerra bix-xieraq li ntemmu dan l-artiklu billi nitkellmu ftit fuq il-monument maestuż li nsibu taħt il-knisja fi Triq ix-Xatt ta’ Bormla.  Dan kien ġie nawgurat 10 snin ilu, fl-20 ta’ Novembru,1994, fl-okkażjoni ta’ Għeluq il-50 Sena mill-Pellegrinaġġ kolossali minn Birkirkara għal Bormla, meta nġiebu bil-mixi l-istatwa u l-kwadru tal-Kor inkurunat, nhar id-19 ta’ Novembru, 1944, fi tmiem il-gwerra.  Dan il-pellegrinaġġ kien sar b’wegħda ma’ Marija Immakulata billi l-knisja parrokkjali baqgħet ma ġġarfetx mill-bombi ta’ l-għadu tul il-gwerra kollha!  Bosta ritratti juru x-xmara ta’ nies li ħadu sehem f’dak il-pellegrinaġġ bix-xbihat devoti ta’ l-Immakulata 60 sena ilu!  Min jista’ jfisser il-ferħ ta’ missirijietna meta reġgħu daħlu trijonfalment ġewwa Bormla mfarrka bl-istatwa u l-kwadru fuq spallejhom.  Fuq il-mina ta’ Għajn Dwieli kien hemm miktub, ‘Bormla Ferħana tilqa’  lil  Ommha’. 

Il-Monument tal-pellegrinaġġ tad-19 ta' Novembru 1944 u l-vittmi tal-gwerra Bormliżi.

Fi tmiem il-pellegrinaġġ, f’diskors li kien għamel b’tislima ta’ mħabba u radd il-ħajr, l-Isqof Galea kien qal, “Ibqgħu ftakru li kull meta tidħlu f’das-Santwarju tkunu dħaltu f’miraklu!”  Dan għax il-knisja parrokkjali lanqas biss intlaqtet.  Għalhekk twaqqaf dan il-monument, biex ifakkar il-pellegrinaġġ b’wegħda u l-vittmi kollha Bormliżi li mietu fil-gwerra, mietu fejn mietu. 

Jien li kelli l-unur li kont il-President tas-Sotto Kumitat, li fi ħdan il-Kumitat taċ-Ċinkwantinarju, twaqqaf biex sar dan il-monument nixtieq nuri l-apprezzament u r-ringrazzjament lill-mibki Kan. Dun Victor Cilia, dak iż-żmien Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Bormla, lis-Sur William Galea u ħutu għall-għajnuna kbira li taw, kif ukoll lil dawk kollha li kkontribwew u lill-membri kollha tal-kumitat  taċ-ċinkwantinarju li ħa ħsieb iċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru fl-1994. 

Il-monument kien ġie nawgurat mill-Eċċ. Tiegħu Dr. Ugo Mifsud Bonnici, dak iż-żmien President ta’ Malta, li kiteb ukoll poeżija għall-okkażjoni; tbierek mill-Arċipriet il-Kan. V. Cilia u sar diskors mis-Sinjorina Cettina Zammit. Is-Sur William Galea qara t-talba taċ-ċinkwantinarju.  Il-monument huwa l-akbar xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi u nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li għandna l-ikbar u l-isbaħ monument artistiku minn dawk li twaqqfu biex ifakkru l-vittmi tal-gwerra f’Malta u Għawdex. 

Dan il-mafkar, b’sinifikat sublimi  jfakkar it-trijonf f’dak il-pellegrinaġġ kbir, devot u uniku li kien il-fjamma biex Bormla terġa’ tqum mit-tifrik ta’ gwerra ħarxa.  Fil-monument dan jidher fil-figura imponenti tan-nofs li turi r-rebħ tat-tajjeb fuq il-ħażen bl-interċessjoni ta’ Alla u l-Madonna; it-trijonf tal-paċi fuq il-gwerra!  Kif xieraq, il-monement ifakkar ukoll lil dawk il-Bormliżi kollha li tilfu ħajjithom u dan jidher fil-figura allegorika ta’ Bormla ssellem lil uliedha li mietu fil-gwerra, kif turi wkoll il-vittma fuq in-naħa tax-xellug, raġel mejjet mirdum taħt it-tiġrif. 

Il-figura l-oħra ta’ mara fuq il-lemin tissimbolizza l-pellegrinaġġ tad-19 ta’ Novembru, 1944, kif jidher mill-kitba fuq l-irħama, b’anġlu żgħir ħdejha li juri l-paċi hekk mixtieqa, bil-ħamiema simbolu tas-sliem!  Taħt, fin-nofs, l-Arma ta’ Bormla, b’ornament fuq kull naħa li jgħaqqad il-monument kollu fi trijanglu klassiku.  L-Arma ta’ Bormla turi kontinwitaċ u tiġbor fis-sinifikat tagħha l-Bormliżi kollha.  J’Alla nkunu kif kienu missirijietna fil-pellegrinaġġ, ilkoll magħqudin flimkien, b’Ommna Marija dejjem tħarisna!  Għandna dejjem nieħdu ħsieb mill-aħjar li nistgħu dan il-wirt għani ta’ Beltna u ngħadduh lil uliedna!

(1) Terribile Tony, ‘Niċeċ u Statwi Fit-Toroq Maltin’ PIN (2000) p.25.
(2) Ara il-‘Cospicua’ Nru 41, 1959, p3 u Nru 51, 1960, p.3. 
(3) Terribile Tony, Op.cit. p.27.

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *