Monthly Archives: April 2020

Il-Vara tal-Kunċizzjoni

Kitba ta’ John Galea

Skont it-tradizzjoni, l-ewwel vara tal-Kunċizzjoni ġewwa Bormla ġiet skolpita miz-zokk li, skont il-leġġenda tal-Marżabba, kienet dehret fuqha il-Madonna teħles lit-tarbija mill-qilla tax-xitan.  Din l-istatwa illum tinsab fil-knisja Parrokkjali tal-Qrendi.

Kienet Suor Maria de Domenicis, li studjat taħt Mattia Preti, li skolpiet il-vara tal-Kuncizzjoni fl-injam għall-ħabta tal-1680. Iżda fl-1905 l-istatwa ġiet mibdula minn kif kienet tidher qabel.  Intbagħtet Milan għand id-ditta Antonio Ghezzi & Figlo fejn ġiet imlibbsa bil-fidda fuq disinn tal-Bormliż Abraham Gatt (1863 – 1944).  Mill-vara ta’ De Domenicis ittieħdu biss ir-ras, l-idejn, is-saqajn u s-serp.  L-istatwa ġiet inawgurata nhar it-18 ta’ Ġunju 1905 taħt il-portiku tal-knisja ta’ Santa Margerita, fl-okkazzjoni tal-Inkurunazzjoni tal-kwardru titulari.

Il-Kwadru Santwarju tal-Kor

Kitba ta’ John Galea

Il-Kwadru Santwarju tal-Kuncizzjoni li jiddomina fil-faċċata tal-irħam fil-kor tal-knisja, ġie mpitter minn Pietro Paolo Caruana (1794 – 1852) fl-1828.  Il-ħsieb wara din il-pittura kien tal-Kanonku Bormliż Ludovico Mifsud Tommasi li kien teologu, poeta u devot kbir tal-Madonna.

Kwadru Titulari tal-Kor. Pittur: Pietro Paola Caruana (1794-1852).

Dan il-kwadru ma ġiex milqugħ mill-ewwel u kien biss fl-1850 li tpoġġa fil-knisja. Il-kwadru l-antik, xogħol Carlo Gimach (1651 – 1730), illum jinsab fis-sagristija tal-parroċċa.

Fil-25 ta’ Ġunju 1905, il-Kardinal Domenico Ferrata, f’isem il-Papa Piju X, inkuruna ix-xbieha ta’ Marija Mmakulata b’kurunu tad-deheb fuq ras il-Madonna. Ħamsin sena wara, fil-25  ta’ Lulju 1955, il-Kardinal Federico Tedeschini poġġa stillarju tad-deheb u d-djamanti madwar ras il-Madonna.

Dan il-Kwadru, flimkien ma’ l-istatwa tal-Kuncizzjoni, f’Jannar ta’ l-1941 ittieħed fil-Bażilika ta’ Birkirkara għall-kenn mill-bombi ta’ l-għadu fit-Tieni Ġwerra Dinjija.  Dawn inġabu lura lejn Bormla b’pellegrinaġġ minn Birkirkara għal-Bormla, bħala ringrazzjament li l-Knisja baqgħet bla mitiefsa, nhar id-19 ta’ Novembru ta’ l-1944.