Category Archives: Evanġelizzazjoni

Ittra Pastorali 2021 mill-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, L-E.T. Mons. Anton Teuma u l-E.T. Mons. Joseph Galea Curmi.

ITTRA PASTORALI

MILL-E.T. MONS. CHARLES J. SCICLUNAArċisqof ta’ Malta

L-E.T. MONS. ANTON TEUMAIsqof ta’ Għawdex u

L-E.T. MONS. JOSEPH GALEA-CURMIIsqof Awżiljarju ta’ Malta

RANDAN 2021

NIBNU SOĊJETÀ TA’ GĦOŻŻA U SOLIDARJETÀ

Għeżież,

Is-sejħa li jagħmlilna Ġesù llum, “Indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1:15), hi sejħa biex aħna nħaddnu l-Aħbar it-Tajba u mmorru fil-qalba tal-fidi tagħna, kif ifissirha Ġesù stess: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

Alla hu mħabba u lilna, bħala wliedu, isejħilna biex ngħixu fl-imħabba. “Intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8) jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu, u dan hu li nfissru meta flimkien lil Alla nsejħulu Missierna. Il-Papa Franġisku, fl-enċiklika tiegħu Fratelli Tutti fuq il-fraternità u l-ħbiberija soċjali, irid iwasslilna b’mod qawwi dan il-messaġġ. Ispirati minnu, nixtiequ nwasslu dan il-messaġġ tiegħu u nagħmlu stedina lil kulħadd biex nibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà.

Persuni fil-periferija jew skartati

Qabel xejn, għandna f’qalbna dawk il-persuni li jħossuhom emarġinati jew huma fil-periferija, li huma kultant vittmi ta’ dik li l-Papa jsejjaħ “il-kultura tal-iskart”. Il-pandemija tal-COVID-19 ħarġet aktar fid-deher kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt kbir f’ħajjithom. Matul dan iż-żmien żdiedu l-problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija fir-relazzjonijiet.

Quddiem ir-realtà ta’ persuni li qed ibatu, nistgħu jew nibqgħu għaddejjin u ma nagħtux każ, jew nieqfu biex ngħinu. Aħna rridu nsellmu lil tant persuni li qegħdin juru għożża u solidarjetà b’mod konkret ma’ dawn il-persuni vulnerabbli. Huma jfakkruna kemm hu importanti li nisimgħu l-għajta ta’ dawk li qegħdin ibatu, imma wkoll il-karba siekta ta’ dawk li qed ibatu waħedhom.

Il-Papa Franġisku kontinwament ifakkarna li għandna nisimgħu l-karba ta’ dawk il-persuni li qed ifittxu kenn għax qed jaħarbu minn kriżijiet umanitarji serji, nisimgħu l-istejjer tal-ħajjiet imċarrta tagħhom, u noffru ambjent fejn iħossuhom milqugħa, imħarsa, imwieżna u integrati.

Negħlbu l-virus tal-individwaliżmu

Il-Papa jagħmlilna sejħa biex naħdmu favur ix-xewqa dinjija ta’ fraternità, li tibda mill-għarfien li aħna lkoll aħwa. Il-Papa juri kif is-soċjetà globalizzata, filwaqt li ħafna drabi tqarribna lejn xulxin, ma tagħmilniex aħwa. Huwa aħna li rridu nieħdu l-impenn li ngħixu tassew fl-imħabba u l-għożża ta’ xulxin.

Jekk aħna nkunu tassew miftuħin għall-imħabba ta’ Alla u naqsmuha mal-oħrajn, inkunu qed ngħixu l-fraternità li tfisser li nixtiequ minn qalbna l-ġid lil xulxin. F’dan is-sens ma nħarsux lejn l-oħrajn bħala avversarji, imma bħala aħwa. Flimkien nistgħu naħdmu għal soċjetà mingħajr ħitan u mingħajr fruntieri li jifirduna. Hu b’dan il-mod li jista’ jingħeleb il-virus tal-individwaliżmu. Aħna nsibu l-milja tagħna mhux meta ningħalqu fina nfusna u nduru magħna nfusna, imma meta ningħataw għall-oħrajn.

Djalogu

Meta nħarsu lejn xulxin bħal aħwa, inkunu nistgħu naħdmu flimkien għal soċjetà ta’ djalogu li hu t-triq li biha tinbena l-ħbiberija soċjali. Id-djalogu jirrispetta, isaħħaħ u jfittex il-verità. Jgħinna biex noqorbu lejn xulxin, inħarsu lejn xulxin, nisimgħu lil xulxin, nagħrfu ngħixu dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ “l-arti tas-smigħ” tal-oħrajn. Id-djalogu jgħinna nesprimu ruħna b’rispett u nagħtu l-kontribut tagħna bla biża’. Persuna li tiddjaloga b’ġentilezza taf tirrispetta tassew lill-ieħor jew lill-oħra.

Id-djalogu jgħinna nifhmu kif l-oħrajn li huma differenti minna huma don u għana, għax id-differenzi jirrappreżentaw possibbiltà biex nikbru flimkien.

Infejqu l-ġrieħi

Aħna u niddjalogaw irridu naffaċċjaw ir-realtà tal-ġrieħi li kultant inġorru individwalment u bħala soċjetà. Hemm ġrieħi li nġorru fina u fir-relazzjonijet personali. Hemm ġrieħi wkoll fil-ħajja pubblika u fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Insemmu bħala eżempji, it-tribaliżmu, ir-razziżmu, il-mibegħda, il-vjolenza domestika, it-tkissir tal-familji, l-użura, l-abbuż mill-akoħol u d-droga, ir-regħba, l-użu ħażin tal-poter, u wkoll it-tkerrih tal-wirt naturali tagħna.

Jeħtieġ naħdmu biex infejqu l-ġrieħi, u dan nagħmluh bi spirtu ta’ maħfra. Il-maħfra ma tfissirx li ninsew jew li nħallu dak li għaddejna minnu midfun fina, jew li nibqgħu ċassi quddiem dak li hu ħażin u inġust. Il-maħfra ma tfissirx impunità. Il-maħfra tfisser li ma nħallux l-esperjenza ħażina li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u tikkundizzjonana. Il-maħfra tgħinna noħorġu miċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta, waqt li nkomplu naħdmu bis-sħiħ għal dak li hu ġust u sewwa. L-enċiklika Fratelli Tutti tistedinna għal imħabba li tkisser il-ktajjen, mhux toħloq ktajjen ġodda, u li tibni pontijiet u mhux ħitan. B’hekk inkunu nistgħu negħlbu l-preġudizzji, il-ħitan li nbnew tul is-snin, u nkunu parti attiva fil-fejqan ta’ soċjetà miġruħa.

Inħarsu l-ħajja

Bi spirtu ta’ għożża u solidarjetà hemm bżonn li naħdmu aktar bis-sħiħ għal kultura li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Kull ħajja umana hija prezzjuża, maħluqa xbieha ta’ Alla. Hija din il-protezzjoni tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha, li hi l-pedament ta’ kultura ta’ rispett lejn id-drittijiet ta’ kull bniedem. Dawk vulnerabbli u dgħajfa jeħtieġu aktar attenzjoni u kura. Ħadd m’hu żejjed, ħadd qatt ma għandu jiġi eliminat.

San Ġużepp – ispirazzjoni mill-isbaħ

Fil-ħidma tagħna għal soċjetà ta’ għożża u solidarjetà, għandna eżempju mill-isbaħ f’San Ġużepp, li l-Papa Franġisku ried li jkun ta’ ispirazzjoni għalina b’mod speċjali f’din is-sena ddedikata lilu. San Ġużepp hu l-bniedem li għadda minn mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija, fosthom it-tfittxija ta’ kenn barra minn artu mal-familja tiegħu refuġjata. Imma lil San Ġużepp insibuh dejjem b’fiduċja kbira f’Alla, mimli mħabba u ħlewwa lejn l-oħrajn u sensittività lejn il-ħtiġijiet tagħhom. Hu l-bniedem li jisma’ u li fl-istess waqt jieħu azzjoni b’kuraġġ biex jipproteġi l-ħajja ta’ Marija, u ta’ Ġesù, ukoll qabel it-twelid. San Ġużepp jurina kif tkun il-qalb ta’ missier.

Matul dan ir-Randan nitolbu l-protezzjoni tiegħu u l-interċessjoni tiegħu biex matul din is-sena jgħin lilna lkoll biex inkunu strumenti ta’ għożża u solidarjetà fis-soċjetà Maltija.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna. Illum, 17 ta’ Frar 2021, l-Erbgħa tal-Irmied.

✠ Charles J. Scicluna                                           ✠ Anton Teuma

Arċisqof ta’ Malta                                  Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta