Ħidma tal-Kummissjoni Parrokkjali Għaċ-Ċentinarju ta' l-Inkurunazzjoni
(Kitba Carmen Camilleri (segretarja), mill-Fuljett Parrokkjali Diċembru 2002)
L-ewwel ħaġa li għamlet il-Kummissjoni kien li talbet lill-pubbliku u lill-għaqdiet reliġjużi u ċiviċi li hawn f'Bormla biex jagħmlu s-suġġerimenti tagħhom ta' attivitajiet u ċelebrazzjonijiet li jixtiequ li jiġu inklużi fil- programm taċ-Ċentinarju. Tpoġġiet ukoll suggestion box hdejn il-bieb tal-knisja fi żmien il-festa biex kull min ried seta' faċilment iħalli s-suġġerimenti tiegħu. Kien hemm rispons tajjeb ħafna kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-għaqdiet. Il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tibgħat ittra ta' ringrazzjament lil kull min niżżel ismu. Sadanittant bdiet ukoll tistudja l-proposti li sarulha.
L-ewwel attivita' li organizzat il-Kummissjoni kien pellegrinaġġ ta' l-Inkuranazzjoni, fil-25 ta' Ġunju; Pellegrinaġġ li kien tassew suċċess u li wera li l-Bormliżi għandhom qalbhom marbuta ma' l- Immakulata. Fil- Pellegrinaġġ, iż-żgħażagħ Bormliżi animaw il-Misteri tar-Rużarju, waqt li l-poplu mexa wara sabiħa tal-kwadru tal-kor.
Xi ġranet qabel il-Pellegrinaġġ, il-Kumissjoni organizzat pasta night fin-Nutmeg Bistro biex tiġbor fondi għall-ispejjeż. Wara d-dħul tal-Pelligrinaġġ saret ukol lotterija għall-istess skop.
Il-Kummissjoni ħarġet Logo ta' l-okkażjoni u ħadet ukoll ħsieb tagħmel stickers b'dan il-logo kif ukoll stickers bl-istampa tal-Madonna tal-Kor fuqhom.
Bħalissa l-Kummissjoni qed tara li jiġi miktub innu ġdid għall-Inkurunazzjoni. Qiegħed jiġi diskuss Poster / Stampa ta' tifkira biex jitqassam fid-djar għaċ-Ċentinarju. Riċentiment il-Kummissjoni waqqfet Sotto-Kummissjoni Fund Raising biex torganizza attivitajiet biex tiġbor fondi għall-ispejjeż taċ-Ċentinarju. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel midalji u affarijiet oħra ta' tifkira.
Fil-laqgħat li jmiss il-Kummissjoni se tistudja bir-reqqa s-suġġerimenti li sarulha biex tkun tista' tfassal programm xieraq li jkun ta' sodisfazzjon għal kulħadd u fuq kollox iressaq lill-poplu tagħna aktar lejn Marija.
Il-Kummissjoni għamlet appell biex kull min jista' jagħti daqqa t'id fit-tħejjija taċ-ċelebrazzjonijiet, jagħti ismu lill-Arċipriet. Kull min jagħti ismu jista' jibqa' żgur li jiġi avviċinat biex jgħin. Għalekk nappella lill- Bormliżi kollha li jistgħu jgħinu bi kwalunkwe mod biex ma jiddejqu xejn jiġu jagħtu isimhom għax għandna bżonn l- għajnuna ta' kulħadd. Il-Kunċizzjoni tħobbna lkoll u trid li kollha nagħtu s-sxehem tagħna ħalli s-sena 2005 titniżżel fl-istorja ta' Bormla bħal ma tniżżlu s-snin 1905, 1955 u 1994.
Il-Kummissjoni Parrokkjali Għaċ-Ċentinarju ta' l-Inkurunazzjoni
(Tikteb Carmen Camilleri (Segretarja tal-Kummissjoni), mill-Fuljett Parrokkjali Diċembru 2003)
Matul din is-sena, l-Kummissjoni Ċentinarju ta' l-Inkurunazzjoni kompliet tiltaqa' b'mod regolari biex tħejji l- programm ta' festi għaċ-Ċentinarju ta' l-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna fil Kwadru titulari tal-Kolleġġjata tagħna.
Naturalment l-ikbar attivita' ta' din is-sena kien il-Pellegrinaġġ li sar fil-25 ta' {unju fit-98 anniversarju ta' l-Inkurunazzjoni. Dan il-pellegrinaġġ huwa t-tieni wieħed minn tlieta li qed isiru bi tħejjija għaċ-Ċentinarju. Ħafna jiftakru l-ewwel wieħed li sar is-sena l-oħra u li fih kienet intużat replika tal-Kwadru li kien armat għall- okkażjoni u li kien ġie misluf lilna mis-Sur Lino Cachia.
Għall-pellegrinaġġ ta' din is-sena, inġiebet l-ewwel statwa tal-Kunċizzjoni li kien hawn f'Bormla u li llum tinsab fil-Paroċċa tal-Qrendi -- statwa antika ta' l-injam, u sabiħa ferm. L-istatwa inġiebet min xi ġranet qabel u tpoġġiet taħt in-nava fil-weekend biex kull min ġie l-Knisja għall-quddies f'dawk il-ġranet seta' japprezza din il -ġmiel ta' statwa li għandha 'l fuq min tlett mitt sena. Nirringrazzjaw lill-Kappillan u l-poplu tal-Qrendi talli sellfulna l-istatwa.
Il-pellegrinaġġ irnexxa u kien hem attendenza tajba tan-nies. Ħadna pjaċir ninnotaw li għal darb' oħra barra dawk li joqogħdu f'Bormla kien hawn ukoll ħafna Bormliżi li llum joqogħdu barra minn Bormla.
Bħas-sena l-oħra, il-Kummisjoni Parrokkjali |għażagħ mexxew pageant fuq siltiet mill-ħajja ta' Marija Santissima u Binha {esu' fuq din l-art. Fil-pageant ħadu sehem 'il fuq minn sebgħin żgħażagħ, u mxew b'mod tassew eżemplari. Lil dawn iż-żgħażagħ, taħt it-tmexxija ta' Dun Anton Galea Scannura, ngħidulhom tassew prosit u grazzi mill-qalb. Ngħidu grazzi wkoll lis-Sur Manuel Micallef tal-paċenzja biex isib ilbies għal kulħadd kif ukoll għall-armar li tella', flimkien mal-grupp tal-armar, ħdejn il-Knisja.
Nittamaw li l-pellegrinaġġ ta' sena oħra, li jkun l-aħħar wieħed ta' tħejjija spiritwali għaċ-Ċentinarju, jkun suċċess daqs jew iktar mill-pellegrinaġġ ta' dis-sena u s-sena l-oħra.
Il-Kummissjoni bdiet ukoll tara s-suġġerimenti li għamel il-poplu ħalli tkun tista' tfassal il-programm. Fost affarijiet oħra ġie deċiż li jinkiteb innu għaċ-Ċentinarju u se jittelgħu wkoll Oratorju, Kantata, Akkademja, u Serata ta' kant Marjan. Tlesta wkoll l-artwork għall-Midalji li se joħorġu għall-okkażjoni. Għal darb' oħra x-xogħol sar b'xejn mill-bravu s-Sur Frank Ancilleri. Ta' dan nirringrazzjawh pubblikament. Saru wkoll kuntatti biex sett ta' bolol u telecard ta' l-okkażjoni.
Fl-aħħar tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni ħolqot Sotto-Kummissjoni Fund-Raising. Din is-sotto-Kummissjoni bdiet mill-ewwel taħdem billi ordnat postcards, stickers u bookmarks. Dawn inbiegħu fi żmien il-festa li għaddiet u l-qliegħ mar kollu għaċ-Ċentinarju. Saru wkoll diversi lotteriji għall-istess għan. Is-sotto- Kummissjoni qed tħejji diversi attivitajiet għas-sena li ġejja biex tkun tista tiġbor iktar fondi. Hawnhekk ta' min jgħamel appell lill-poplu Bormliż biex jattendi għal dawn l-attivitajiet biex jgħin f'dan il-programm li qed jitħejja.
Fi-żmien il-festa, il-Kummissjoni ħarġet ċedoli biex il-ġbir minnhom imur għall-ispejjeż taċ-Ċentinarju. Kelna rispons tajjeb ħafna. Nittamaw li din is-sena l-Bormliżi jerġgħu jikkontribwixxu biex inkunu nistgħu nfasslu programm kif jixraqgħal dan l-avveniment kbir -- programm li jirrekjedi somom kbar ta' flus. Ma naqtgħux qalbna għax nafu li fejn tidħol il-Kunċizzjoni, l-Bormliżi huma ġenerużi u jagħmlu min kollox biex il-festi li nagħmlu f'ġieħ l- Immakulata jkunu festi li jibgħu jissemmew mhux biss mill-bormliżi tal-lum u ta' għada imma wkoll mill-Maltin kollha.
Fis-sena li ġejja, li hija speċjali għalina għax jaħbat il-150 sena mid-Domma ta' l-Immakulata, il-Kummissjoni għandha ħafna xogħol quddiemha, għax barra li torganizza l-aħħar pellegrinaġġ ta' tħejjija fil-25 ta' {unju, trid tiffinalizza l-programm li se jibda fil-festa ta' sena oħra u jibqa sejjer sal-festa ta' l-2005 -- is-sena taċ- Ċentinarju.
Infakkar ukoll li għalxejn il-Kummissjoni torganizza l-attivitajiet, għax dawn jiddependu mill-attendenza u l- parteċipazzjoni ta' kulħadd biex jirnexxu. Sa issa, l-poplu attenda għall-attivitajiet bi' ħġaru u nisperaw li dan jibqa jsir.
|