Lejn Sena Ċentinarja
(Meħuda mill-Kelma ta' l-Arċipriet tal-Fuljett Parrokkali Diċembru
2003)
Qegħdin
noqorbu lejn il-150 sena mill-proklamazzjoni tad-domma tal-konċepiment
immakulat ta' Sidtna Marija. Din il-ġrajja solenni fil Knisja
Universali tfakkret fostna 50 sena wara permezz ta' l-inkurunazzjoni tax-xbieha
ta' l-Immakulata fil- kwadru tas-santwarju fil-kor. Bħalissa mhux biss beda d-diskors, iżda bdew ukoll il-preparazzjonijiet
biex jitfakkru dawn il-ġrajjiet.
X'qed nifhmu meta nitkellmu kif se nfakkru ċ-ċentinarju? Donnu xi wħud
jaraw biss l-estern. Oħrajn irridu pompa u
sensazzjoni. Hemm min jifhem opri ġodda ta' tiżjin. Tinħasad tisma' motivazzjoni ta' wħud li tkun 'l
bogħod mill-glorja ta' Alla; għaz tidħol il-pika, l-għira u
l-firda.
Iċ-Ċentinarju
jrid ikun "tifkira li ġġedded u tagħmel preżenti l-għemejjel
ta' Alla fl-istorja tas-salvazzjoni" bl- interċessjoni ta' Marija
Immakulata. L-iskop ewlieni ta' kull ċelebrazzjoni fiċ-ċentinarju,
sew jekk reliġjużi, kif ukoll jekk kulturali jew soċjali għandu jkun li kull wieħed u waħda minna
"ninfetħu għall-grazzja li Kristu kisbilna bil-misteri tal-ħajja,
il-mewt u l-qawmien Tiegħu". Jekk dan l-iskop mhux
se jkun iċ-ċentru li fuqu jinbena ċ-ċentinarju, allura faċli
nkunu pagani.
Quddiem il-ġrajja taċ-ċentinarju
li riesqa, noħlom
nara
lil min tbiegħed
mis-sagramenti u l-komunita' nisranija li jerġa' lura fil-Knisja ta'
Kristu. Noħlom li nissaħħu fil-ġlieda
kontra d-dnub billi nimxu skond il-kmandamenti ta' Alla. Noħlom li l-arja tindaf mid-dagħa u ż-żeblieħ
lil Alla u lil Ommu u Ommna Marija. Noħlom li
l-familji joffru ambjent ta' mħabba, eżempji u sigurta' lit-tfal
permezz ta' ħajja li tagħraf is-sens tat-talb. Noħlom li
nitgħallmu kif naċċettaw lil xulxin u naħdmu flimkien
bir-rispett, mingħajr spirtu ta' għira u pika jew ġudizzji. Noħlom li lkoll nifhmu s-sinjal ta'
Marija Kunċizzjoni li Alla tana għal ħajjitna. Ejjew
minn
issa nħejju
lilna nfusna b'mod sinċier u profond billi qalbna tinqata'
minn
kull rabta jew
mentalita' ħażina, ħalli qalbna bħal ta' Marija Immakulata
tkun safja għax tfittex dejjem lil Alla.
Kan.
Joe Mifsud
Arċipriet
|