Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe about


Statwi f' bormla - Il - madonna ta' trapani u sant' elija

minn Sunny Aquilina

F’dan l-artiklu se nitkellmu fuq żewġ statwi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Ordni Karmelitan Tereżjan.  L-ewwel patrijiet ġew ġewwa Bormla wara l-ewwel kwart tas-Seklu Sbatax u bnew knisja u kunvent li għal bosta snin kien ukoll wieħed internazzjonali.  Taħt l-arma Karmelitana, fuq il-bieb tal-kunvent hemm minquxa s-sena 1626.

Statwi fil-knisja ta’ Santa Tereża

Fil-knisja nisbu bosta xogħlijiet artistiċi fosthom statwi sbieħ ta’ Santa Tereża ta’ Statwa tal-ġebel tal-Madonna ta' Trapani fuq il-bieb ta' barra tal-knisja ta' Santa TereżaAvila, li sawwar fil-kartapesta s-Surmast Ġużeppi Caruana (ta’ Marċjol), ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ li r-relikwa tagħha nġiebet Malta din is-sena, tal-Madonna tal-Karmnu, ta’ San Ġwann tas-Salib li hija xogħol Spanjol tabilħaqq artistiku u oħrajn iżgħar ta’ San Ġużepp fuq dak li nsibu fil-knisja parrokkjali, il-Madonna ta’ Lourdes, id-Duluri u l-Bambin ta’ Praga bl-ilbies irrakkmat.  Minbarra dawn fl-intrata tal-kunvent fuq il-bieb kif tidħol hemm statwa mdaqqsa ta’ San Elija li hija wkoll interessanti mhux biss għax sabiħa, imma wkoll għall-istorja tagħha.  Din l-istatwa hija xogħol fl-injam ta’ l-iskultur Pietru Pawl Azzopardi u fl-antik kienet fil-kappella tal-Madonna tal-Karmnu billi kien hemm il-Fratellanza ta’ dan il-qaddis ewlieni ta’ l-Ordni Tereżjan.  Imma f’dawn l-artikli aħna qegħdin nitkellmu aktar fuq statwi ta’ barra u b’rabta ma’ din il-knisja u t-Tereżjani nsibu tnejn; waħda fil-faċċata tal-knisja u l-oħra fil-pjazzetta ta’ quddiemha. 

Statwa tal-Madonna ta’ Trapani

Din l-istatwa mdaqqsa, li ħafna jaħsbu li hija l-Madonna tal-Karmnu hija fil-fatt il-Madonna ta’ Trapani, belt fi Sqallija.  Fl-Ordni Tereżjan insibu devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu u hemm diversi knejjes li għandom xbieha tagħha. (1)   L-istatwa tal-Madonna ta’ Trapani li nsibu f’Bormla qegħda f’niċċa skulturata fuq il-bieb ewlieni tal-knisja ta’ Santa Tereża.  Tirrappreżenta lill-Madonna bil-Bambin.  Il-Madonna għandha l-kuruna fuq rasha bil-mant ħiereġ minnha, u qiegħda żżomm il-Bambin f’idha x-xellugija.  L-id l-oħra qiegħda żżomm id Ġesu’ Bambin bil-ħlewwa, l-omm għaqlija u qaddisa tħares lit-tarbija divina tagħha!  Dan is-sentiment fil-ħarsa u l-id ta’ l-omm iżżomm l-id ċkejkna tat-tarbija jagħmlu għalija l-element artistiku f’din l-istatwa minquxa fil-ġebel.

Statwa ta’ Sant’  Elija

Din l-istatwa kbira, sabiħa, mirquma fl-istil Barokk hija taqbilħaqq xogħol artistiku mill-San Elija, statwa tal-ġebel ta' Vincenzo Dimech.aqwa mhux biss f’Bormla, imma f’Malta u Għawdex.  Hija xogħol minqux fil-ġebla Maltija ta’ l-iskultur ewlieni Vincenzo Dimech (1768-1831).  Bix-xieraq li nsibu din l-istatwa tħares fuq il-pjazzetta ta’ quddiem il-knisja ta’ Santa Tereża billi San Elija huwa meqjus qaddis fundatur u missier il-Karmelitani u t-Tereżjani u għalhekk għandhom devozzjoni lejh.

San Elija għex f’Iżrael fis-Seklu 9 q.K. u sar figura leġġendarja u qaddisa billi tkellem u widdeb kontra l-idolatrija u favur it-twemmin f’Alla veru.  Ħadha kontra s-Sultana Feniċja Ġeżabel u żewġha Aħab, Sultan ta’ Iżrael, li ħallew jidħol il-kult ta’ Bagħal, alla falz tal-Feniċi.  Il-Profeta Elija ħadha kontriehom u ppriedka t-twemmin f’Alla veru hekk li sar simbolu tas-sewwa bħalma sekli wara kien Ġwanni l-Battista, il-Prekursur ta’ Kristu.(2)   Wara tliet snin ta’ nixfa, sfida lill-profeti ta’ Bagħal u fuq l-Għolja tal-Karmelu, talab lil Alla li bagħat xita kbira u Elija qered il-profeti foloz u wera’ l-qawwa ta’ Alla!  Mhux biss ħeġġeġ biex in-nies iddur lejn Alla imma għex fil-faqar, fl-imwarrab fil-penitenza u miegħu ngħaqdu oħrajn li bdew jgħixu ħajja spiritwali fuq l-Għolja tal-Karmelu.  Għalhekk huwa meqjus bħala missier u fundatur. Fi tmiem ħajtu ttieħed lejn is-sema fuq karru tan-nar biż-żwiemel għax għal Iżrael Elija kien jiswa daqs eżerċitu ta’ karrijiet bir-rikkieba tagħhom!  Eliżew, li kien miegħu baqa’ jħares u jgħajjat, “Missieri, Missieri, il-karru ta’ Iżrael u r-rikkieb tiegħu.”  (2 Slaten 2,12)
B’simboliżmu dan narawh fl-istatwa ta’ San Elija billi d-driegħ tax-xellug qiegħed iserraħ fuq rota ta’ karru tan-nar kif jidher mill-ilsna tan-nar mar-rota u l-fjamma li hemm taħtha.  Fl-istess id għandu xabla tan-nar mgħollija ‘l fuq.  Din l-istatwa hija xogħol tassew artistiku, validu u mirqum b’sengħa kbira fl-arti barokka.  Hija xogħol mill-isbaħ ta’ l-iskultur Belti Vincenzo Dimech (1768-1831) li għamel bosta xogħol ieħor.  Tiegħu huma l-vari titulari ta’ Santa Marija tal-Gudja (1807) u San Publiju tal-Floriana (1811), u l-istatwi ta’  San Ġużepp taż-|urrieq (1825) u dak ta’ Birkirkara (1826), u l-Madonna ‘tan-nofs’ ta’ l-Isla (1814).  Għamel ukoll il-monument l-antik ta’ Sir Alexander Ball (1810) u dak ta’ Zammitellu fil-Barrakka ta’ fuq (1816). Barra f’Malta Vincenzo Dimech studja wkoll f’Napli u x-xogħlijiet li semmejna huma biżżejjed biex juru l-livell għoli artistiku li rnexxielu jilħaq.  Sant’ Elija mhux eċċezzjoni, anzi huwa kapolavur minqux fil-ġebla Maltija.  Hija statwa ħajja u dinamika bil-profeta wieqaf jippontga sebgħu u jwiddeb.  Fuq wiċċu naraw il-ħarsa soda u mqanqla jwassal il-kelma tal-Mulej mill-fomm imbexxaq, bla biża’!

Il-bixra, l-anatomija, il-panneġġI fil-mantell u d-drapp tal-libsa huma xogħol tassew fin u mirqum.  Il-wiċċ tal-profeta jonqsu biss il-kliem!  Id-daqna mimlija u x-xagħar twil, bħallikieku qegħdin jitħarrku mar-riħ, jagħtu ħjiel ta’ dehen u awtoritaċ.  Il-moviment dinamiku li fiha u l-perfezzjoni fl-esekuzzjoni jagħmlu din l-istatwa mhux biss waħda mill-isbaħ ġewwa Bormla imma fil-gżejjer Maltin!

L-istoriku Tony terribile, li għamel studji fuq bosta knejjes, statwi u niċeċ kiteb li, ‘Fl-istatwa ta’ Sant’ Elija tinħass il-qawwa u l-maestrija ta’ l-iskultur li ħadimha, Vincenzo Dimech’, u jkompli li, ‘Bla dubju ta’ xejn din l-istatwa hi waħda mill-isbaħ statwi tal-ġebel li nsibu fit-toroq tagħna.(3)   

Din l-istatwa hekk mirquma u artistika saret fl-1818 u tinsab fuq pedestall għoli, eleganti u proporzjonat. Fuq lapida li hemm mal-faċċata ta’ dan il-pedestall naqraw li l-Isqof Ferdinando Mattei jagħti indulġenza ta’ 40 jum lil dawk id-devoti Kristjani  li jgħidu Missierna u Sliema quddiem din ix-xbieha mirakoluża tal-Profeta Sant’ Elija, protettur tal-barklori.  Kellhom ikunu dawn in-nies, li kienu  jaqilgħu l-għajxien fuq id-dgħajjes bis-saħħa ta’ dirgħajhom fuq l-imqadef, li ħadu l-inizjattiva u nkarigaw lill-iskultur V. Dimech biex jiskolpi din l-istatwa.  Fl-1812 il-barklori u qaddiefa Bormliżi waqqqfu l-Fratellanza ta’ Sant’ Elija fil-knisja ta’ Santa Tereża, li hija mibnija fuq ix-Xatt ta’ Bormla.

Din l-istatwa għalkemm dejjem baqgħet fl-istess inħawi bidlulha postha tliet darbiet.  L-ewwel kienet f’nofs in-niżla bejn ‘Admirality Gate’ li qabel minnu kont tidħol il-Birgu, u l-knisja ta’ Santa Tereża, li lejha kienet tħares.  Damet hemm sas-snin ħamsin, meta wara li rranġaw u  nfetaħ ix-Xatt ta’ Bormla tpoġġiet fuq il-bankina n-naħa l-oħra tat-triq ta’ fejn qiegħda llum.  Wara li saret rikostruzzjoni fl-1979, l-istatwa ta’ Sant’ Elija tpoġġiet fejn tinsab illum, madwar 20 sena ilu.  Kemm-il darba sar restawr fuq partijiet minnha li nkisru u tidher id-differenza fix-xogħol fil-partijiet restawrati, imma hekk tidher komplita.

Din l-istatwa, flimkien ma’ statwi u monumenti oħra hija parti mill-wirt artistiku u kulturali tagħna l-Bormliżi u l-Maltin.  Nieħdu ħsieb dan il-patrimonju għani, napprezzawh u nibżgħu għalih għax huwa dmir tagħna lkoll li nagħadduh lil ta’ warajna.

 

Riferenzi

(1) Rev. Patri Martin Borg tani din l-informazzjoni fuq il-Madonna ta’ Trapani meta staqsejtu kif tinsab fil-faċċata tal-knisja.
(2) 1 Slat 1,  Nota 1 p.348 G]. Bibilika Maltija (Media centre 1984)
(3) Tony Terribile, ‘L-istatwa ta’ sant’ Elija ta’ Ħdejn il-Knisja’, kalendarju 1996  Knisja ta’ Santa Tereża- Bormla. Ara wkoll artiklu ppublikat fir-rivista ‘Leħen il-Banda S. Ġorġ, Bormla,  Nru. 27, Di`. 1995, pp.157, 158.  

 

© 2014 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com