Il-Kelma ta' l-Arċipriet
Ir-Rażan
Kan. Joe Mifsud

Il-bniedem hu bniedem daqskemm kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu. Meta l-bniedem iħarreġ il-ħsieb tiegħu u jagħrbel il-ġibdiet ta’ qalbu, aktar jikseb kontroll fuq ir-rieda tiegħu. Ir-rażan li l-bniedem iħaddem fuq il-ħsieb, il-kliem u l-egħmil tiegħu jkabbru fih persuna responsabbli u matura.
Ir-rażan hu virtu`. Jekk illum tisma’ min igħid: “Tlifna l-kontroll ta’ kollox!”, ma tantx hu sinjal pożittiv. B’rażan nifhmu l-kontroll tal-ġibdiet u l-istint tal-bniedem lejn il-pjaċiri. Ir-rażan igħinna biex nużaw bil-qies il-ġid ta’ l-art. Jekk il-bniedem ma jkollux kontroll tal-ġibdiet u l-istinti tiegħu jasal iwettaq kull ħażen. Jekk il-bniedem ma jkollux kontroll tax-xewqat tiegħu jasal iwettaq kull diżonesta`. Il-pjaċir mhux l-iskop tal-ħajja tal-bniedem. Mhux kull pjaċir hu tajjeb. Il-ġibdiet għall-pjaċir ma għandhomx imexxu r-rieda tal-bniedem.
Fl-antik ukoll kienu jeżistu l-abbużi u l-vizzjijiet. Illum donnu li żdiedu u ħarġu aktar fil-miftuħ. Aktar ma jonqos, jintilef jew jispiċċa s-sens tat-tajjeb u l-ħażin, id-dnub isir aktar irħis. U b’nuqqas ta’ rażan il-bniedem iġib fuqu d-dwejjaq, il-vojt u t-tbatija.
-
Min jaf jikkontrolla lsienu, għandu kontroll fuq ġismu jgħallem San Ġakbu. Id-dagħa jurina l-kwalita` ta’ soċjeta` li qed ngħixu fiha. It-tqasqis tal-proxxmu jikxef x’hemm fil-qalb tal-bniedem.
-
X’ma nisimgħux dwar pornografija, infedelta`, abbużi, diżonesta` fl-ilbies! Kieku għandna kontroll kif nużaw il-“mobiles”, l-“internet”; kieku jieqfu l-kunfidenzi; kieku l-passjoni tal-pjaċir ma teħux il-post tat-tajjeb.
-
L-istess rażan irid jidher fil-konsum ta’ l-alkoħol. Kemm żbalji nevitaw! Kemm ħajjiet insalvaw! Kemm aktar hena fil-familji! U nistgħu nibqgħu nsemmu l-logħob tal-lottu u aktar u aktar.
Nieħdu għalhekk il-parir mill-Ktieb ta’ Bin Sirak: “Tħallix newqatek jiġbduk warajhom u rażżanhom il-ġibdiet tiegħek” (18,30).
L-Arċipriet |