Il-Kelma tal-Arċipriet - April 2018

“B’dak li hi, aktar milli b’dak li tgħid”
Għażilt dan it-titlu għax laqatni. Huwa frażi li nsibu fl-introduzzjoni għad-Dokumenti tas-Sinodu Djoċesan. B’kollox, bħal ma tafu hemm tmien dokumenti li jitkellmu fuq kull aspett tal-ħajja tal-Knisja, ibda mill-Liturġija u s-Sagramenti u spiċċa fit-tfal u ż-żgħażagħ.


Imma fl-introduzzjoni, l-Knisja għamlitha ċara mill-ewwel. L-introduzzjoni tgħid hekk: “Il-Knisja hija msejħa biex tgħix il-Kelma t’Alla, b’dak li hi aktar milli b’dak li tgħid” (p. 2). Hawn għandna programm ta’ ħidma interessanti u mpenjattiv ħafna. Ix-xogħol ewlieni tal-Knisja, aktar milli tippriedka l-Kelma t’Alla, hija msejħa biex tgħixha. Forsi li tgħix il-Kelma t’Alla, ma jfissirx ukoll li tippridkaha?


Din is-sentenza hija l-qofol ta’ dak kollu li jingħad fid-dokumenti kollha. Titlob minna lkoll tibdil fil-mentalita’ u fil-mod kif ħarisna lejn il-Knisja s’issa. Hawnhekk qed nuru biċ-ċar li l-Knisja ma tiddependix biss mill-Papa, l-Isqfijiet u mis-saċerdoti. L-anqas ma tiddependi minni biss bħala Arċipriet. Tiddependi minnek. Jiġifieri jekk il-Knisja li waqqaf Ġesu’ mhix qed taħdem biżżejjed, dan għax int m’intix taħdem biżżejjed.

Jekk il-Knisja li waqqaf Ġesu’ hija mimlija dnubiet u allura dak li tgħid ma jħalli ebda frott, dan għaliex int ukoll midneb.


Kif trid li n-nies jemmnu fl-imħabba li ppriedka Ġesu’, meta lilna li mmorru l-knisja jisimgħuna nbaxxu lill-oħrajn bi kliemna? Kif trid li n-nies jemmnu li Ġesu ppriedka l-maħfra, meta aħna ma naħfrux minn qalbna lil min naqasna?

X’jiswa jekk il-Knisja fid-dokumenti tgħid li għandu jkun hemm it-tagħlim aħjar milli qed isir, jekk min jersaq lejna jsibna mimlijin piki u għira għal xulxin. Il-Knisja qed titlobna ċar u tond li, qabel ma ndaħħluha f’moħħna li nibdew nagħmlu xi ħaġa ħalli nxandru l-Kelma t’Alla, rridu ngħixu ta’ nsara.

Wara kollox, jiena naħseb li kważi kważi, jekk ngħixu verament is-sejħa tagħna ta’ nsara biżżejjed. Ġesu’ qalilna li minn hawn jagħarfuna li aħna nsara, mill-imħabba ta’ bejnietna, u mhux minn kemm nippridkaw sabiħ.

 

Dun Anton

Arċipriet