Il-Kelma ta' l-Arċipriet
Aħna Salvati bit-Tama
Kan. Joe Mifsud

Ma nafx inkunx aktar saqajja ma’ l-art meta naħseb li s-sens tat-tama qed kull ma jmur jonqos. Tgħid dan jispjega għaliex żdied fostna n-nuqqas ta’ saħħa mentali? Ħafna pressjoni u stress, tensjoni u ansjeta’. Sabar imkien. Kollox dwejjaq. Kuntenti b’xejn. L-istess ħajja tinħass toqol. U din l-imbierka dinja qisha miexja lejn il-qerda tagħha nfisha. Mhux għalhekk id-diskors dwar il-paċi u s-solidarjeta’, il-ġustizzja u d-dinjita’ tal-persuna umana.
Il-Papa Benedittu XVI wassal il-messaġġ tat-tama lid-dinja u lill-Knisja fit-tieni enċiklika tiegħu li ppublika fit-30 ta’ Novembru 2007. Mhux it-tama ta’ min imut bil-piena. Imma t-tama mibnija fuq il-fidi f’Alla. It-tama li hi mibnija mhux biss fuq il-forzi umani li jistgħu ma jwasslu mkien, imma fuq il-qawwa ta’ Alla li joħroġ il-ħajja mill-mewt u jirbaħ bit-tajjeb fuq il-ħażin.
Dan nemmnu u niċċelebraw fil-Ġimgħa Mqaddsa. Kristu Rxoxt li għadda mill-passjoni u l-mewt jagħti din it-tama lil kull min jgħix bil-qawwa tal-fidi din l-esperjenza ta’ mewt u ħajja. Forsi tgħidli, “imma kif?”
Qatt tħalli problema tkun akbar minnek. Żomm il-kelma, uża l-ħsieb u fittex is-solitudni ma’ Ġesu’ fil-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija.
Qatt taqta’ qalbek quddiem diffikulta’. Emmen fil-qawwa tat-talb biex ikollok saħħa tieħu kontroll tiegħek innifsek, tiddeċiedi u tħares ’l fuq.
Qatt tintrebaħ mill-ingann li jġagħlek tinganna b’mod qarrieq. Id-dnub spiċċa. L-infern ma jeżistix. U Alla jaħfirlek! Mhux anki l-qassisin jiżbaljaw?! Żomm mat-tajjeb u ġġieled kontra l-ħażin.
Qatt twebbes qalbek fil-ħażen għax ma tistax tinbidel. Tista’ toħroġ mill-vizzju. Tista’ taħfer. Tista’ ssalva ż-żwieġ u tgħaqqad il-familja. Tista’ tmur tqerr. Tista’ tinqata’ mill-ħbieb imħawda.
Alla li jista’ kollox, rebaħ fi Kristu fuq kull ħażen. Bil-fidi nsibu tama li biha nsalvaw minn kull tbatija u dnub, minn kull jasar u mewt. Kristu Rxoxt jagħtina din it-tama li se rasal għandna wkoll permezz tat-tberik mis-Saċerdot fil-familji.
L-Arċipriet
|